F’dawn il-ġranet qamet kontroversja dwar xi kliem li qalet preżentatriċi membru ta’ għaqda reliġjuża fuq stazzjon televiżiv lokali. Jien smajt x’qalet u wkoll naħseb li appell lin-nisa biex ma jirrifjuttawx l-avvanzi tal-irġiel mhux politikament korrett fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom.

Iżda f’qalbi għidt ukoll li fuq it-televiżjoni Maltija rari rajt diskussjonijiet li jitkellmu dwar aspetti anki intimi tar-relazzjoni bejn koppji li jgħixu flimkien, miżżewġa u mhumiex. Hu dnub li l-ftit drabi li jkun hemm din it-tip ta’ diskussjoni ssir minn lenti reliġjuża. Huwa fatt li ħafna relazzjonijiet jitħassru għax ma jkunux ġew ikkurati meta feċċet il-ħsara. Il-ħsara tista’ ssir f’perjodu meta r-ragel jibda jieħu l-martu/partner for granted u vici versa. Meta l-attenzjoni tiegħu jew tagħha tkun iffukata fuq affarijiet oħra u mhux fuq dik il-persuna li tgħix taħt l-istess saqaf miegħu. Il-ħsara tista’ ssir fejn naħa jew oħra jew it-tnejn jiddeċiedu li huwa ok li minkejja li qegħdin f’relazzjoni jibqgħu jgħixu ta’ guvni jew xebba u joħorġu mal-ħbieb b’mod frekwenti u jdumu barra daqslikieku għada ma jisbaħx. Il-ħsara ssir ukoll meta int raġel jew int mara ddaħħal il-lifgħa f’għomtok, bil-ħsieb jew bla ħsieb, mingħajr ma tirrealizza li l-lifgħa għada pitgħada tista’ tigdmek.

U jekk issir il-ħsara, kuntrarju għal dak li pruvat tgħid il-preżentatriċi, ma jkunx torta tal-mara għax għandha xi obbligu li toqgħod għar-raġel. Asserzjonijiet bħal dawn jikkawżaw diskussjonijiet inutli minflok iġiegħlu n-nies jaħsbu, imqar għal ftit, dwar kif relazzjonijiet jistgħu jiġu salvati b’pariri siewja u f’waqthom. Il-fanatiżmu deni jagħmel u mhux ġid.