Il-qawwa tal-pinna

Nammetti li waqajt fil-muta. Dak li ġara nhar it-Tnejn ħallieni xxukkjat.

Kont naf li Daphne kienet suldat fi ġlieda għas-sewwa li minn jeddha, għax nemmen li kienet tħobb lil pajjiżha, baqgħet fil-kamp tal-battalja meta faċilment setgħet għamlet bħal ħafna u sparixxiet minnu. Allura għalkemm ixxukkjat bl-assassinju tagħha b’xi mod kont nibża’ li kein hemm ħafna li bil-pinna tagħha kienu skomdi u aktar.

It-tip ta’ ġurnaliżmu tagħha kien uniku. Minkejja dak li implikaw xi wħud, qabel tippubblika xi ħaġa kienet tiċċekkja l-affarijiet sew. Kienet tinvestiga. Kienet ukoll titlob il-kumment ta’ dak li kienet se tikteb dwaru. Mhux li kien kulħadd jirraġuna bħala. Imma li kellha tgħid kienet tgħidu,bla biża’ jew favuri. Ma kienitx tibża. Ma kinitx tinxtara. The lady was not for turning.

Kont inqisha bħala waħda mill-ġurnalisti ħbieb tiegħi. Għaldaqstant bħalma nagħmel ma’ ħafna minn dawn il-ħbieb, li ġejjin minn kull kamp, ġieli ddiskutejt magħha dak li jkun qed iseħħ f’pajjiżna.  Dejjem qist l-analiżi tagħha bħala waħda mill-aktar intelliġenti u profonda. Mhux dejjem qbilt ma’ affarijiet li kitbet imma anki meta ma qbiltx,  kont nifhem l-argument tagħha.

Naf żgur li lil pajjiżha kienet tħobbu u għaliex kienet tħobbu riedet tkompli bil-ġlieda li ħafna  qatgħu qalbhom minnha. Il-ġlieda għas-sewwa. Il-ġlieda għas-serjeta’. Il-ġlieda għall-korrettezza.  Minkejja li bħal dejjem baqgħet determinata dan l-aħħar deherli  li kienet qed tħossha bħall-ħuta barra mill-ilma. Kienet tħoss li mhix milqugħa f’pajjiżha stess.

Ma stajtx ma niktibx dawn il-kelmtejn fi tmiem ġimgħa iebsa. Imma nieqaf hawn.

Nagħti l-kondoljanzi tiegħi lill-familja tagħha.

2017-10-21T14:34:59+00:00 October 21st, 2017|Tiżwieqa|

About the Author:

After quitting politics for good to focus on my professional work as a human resources and communications director with one of the major groups of companies in Malta, I re-discovered my passion for writing on areas close to my profession and interest. I consider this personal blog as my space, a space I willingly share with you.

Leave A Comment